Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, flimkien mal-Biċċerija Pubblika u l-Kunsill Lokali Paola, ħabbru t-tieni edizzjoni ta’ Platt fil-Pjazza Paola, li ser tittella’ fi Pjazza Antoine De Paule, Raħal Ġdid, nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru 2026 mis-7:30pm ’il quddiem.
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, Platt fil-Pjazza Paola ser jerġa’ jlaqqa’ l-komunità f’serata ddedikata għall-ikel tradizzjonali Malti, il-prodott lokali u l-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi Maltin. L-attività ser toffri ikel, xorb u divertiment għall-familja kollha, filwaqt li tkompli tippromwovi l-wirt gastronomiku Malti u tħeġġeġ lill-konsumaturi biex japprezzaw aktar il-kwalità, il-freskezza u l-varjetà tal-prodott lokali.
Platt fil-Pjazza Paola ser jittella’ wkoll bħala parti mill-attivitajiet tal-Malta Sustainable Development Action Days 2026, b’enfasi fuq is-sostenibbiltà, il-prodott lokali u l-użu responsabbli tar-riżorsi. Matul is-serata, il-Portiku tal-Bażilika ta’ Kristu Re ser ikun miftuħ għall-pubbliku, biex dawk li jattendu jkollhom ukoll l-opportunità jitilgħu u jgawdu l-veduta mill-isbaħ ta’ Raħal Ġdid minn fuq il-Portiku.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li r-ritorn ta’ Platt fil-Pjazza Paola jkompli jsaħħaħ il-ħidma biex il-prodott lokali jinġieb aktar qrib il-konsumatur. “Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, qed nerġgħu nwasslu din l-attività fil-qalba tal-komunità ta’ Raħal Ġdid. Irridu li aktar familji jiskopru u japprezzaw il-kwalità tal-prodott Malti u, fuq kollox, il-ħidma li hemm warajh. Meta nagħżlu l-prodott lokali nkunu qed nappoġġjaw direttament lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-produtturi tagħna, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur agrikolu Malti,” qal il-Ministru Refalo.
Il-Ministru żied li l-Gvern ser ikompli jaħdem biex joħloq aktar opportunitajiet għall-produtturi lokali, isaħħaħ ir-rabta bejn il-produttur u l-konsumatur u jkompli jippromwovi l-prodott Malti bħala prodott ta’ kwalità.
Id-Direttur Ġenerali Stefan Cachia qal li Platt fil-Pjazza Paola hija wkoll opportunità biex il-pubbliku jifhem aħjar il-ħidma li ssir tul il-katina tal-produzzjoni tal-laħam. “Permezz ta’ inizjattivi bħal din qed inressqu l-ħidma tal-Biċċerija Pubblika aktar qrib il-konsumatur, filwaqt li nkomplu nippromwovu prattiċi li jagħtu valur akbar lill-prodott u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli. B’hekk inkunu qed nappoġġaw settur li minnu jiddependu diversi raħħala, produtturi u familji Maltin,” qal is-Sur Cachia.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio, flimkien mal-Kunsillier Darren Lynch, irringrazzjaw lill-Ministeru għall-kollaborazzjoni u sostnew li attivitajiet bħal Platt fil-Pjazza Paola jagħtu aktar ħajja lill-pjazza u jsaħħu s-sens ta’ komunità. “Din hija opportunità oħra biex il-familji jiltaqgħu fil-qalba ta’ Raħal Ġdid u fl-istess waqt niċċelebraw il-prodott Malti u napprezzaw ix-xogħol tal-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi tagħna. Irridu li Pjazza Antoine De Paule tkompli tkun spazju ħaj fejn il-komunità tiltaqa’, tipparteċipa u tiċċelebra flimkien.”
It-tieni edizzjoni ta’ Platt fil-Pjazza Paola ser tittella’ fi Pjazza Antoine De Paule, Raħal Ġdid, nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru 2026 mis-7:30pm ’il quddiem.